Religion

It-tagħlim tal-Edukazzjoni Reliġjuża fl-iskola mhux qiegħed hemm biss sabiex tgħaddi mill-eżami jew kemm jirnexxielek iġġib ċertifikat u daqshekk! L-ewwel għan, li għalih nitgħallmu r-Reliġjon mhuwiex biss li nkun naf aktar dwar dak li jiena nemmen fih, u dwar il-kultura li fiha qed ngħix, imma li tassew ngħix dak li nemmen fih fis-Soċjetà tallum.

Huwa għalhekk li ġewwa l-Iskola tagħna nagħtu ħafna każ, u norganizzaw b’tant ħeġġa, attivitajiet extra kurrikulari biex nippromwovu l-valuri Nsara u biex noħolqu ambjent ta’ skiet sabiex l-individwu jiskot u jisma’ lilU jitkellem fil-kwiet ta’ qalbu.

Matul is-Sena Skolastika, l-għalliema tar-Reliġjon, u numru sabiħ ta’ għalliema oħra, joffru l-ħidma u l-ħiliet tagħhom sabiex jiġu organizzati diversi attivitajiet. Fost dawn insemmu:-

  • Il-quddiesa tal-Milied, tad-Duluri kif ukoll fil-bidu u fl-għeluq tas-Sena Skolastika.
  • Seminars ta’ Spiritwalità għall-Istudenti tal-Ħdax-il Sena, fejn, f’ambjent ta’ skiet, barra mill-iskola, qalb is-sbuħija tan-natura, l-istudenti jaħsbu fuq is-sabiħ tal-ħajja u r-relazzjoni sabiħa li jista’ jkollna meta nkunu viċin Alla.
  • Ħsibijiet ta’ riflessjoni minn Fr Dillon Bugeja (Direttur Spiritwali tal-Iskola tagħna) li, filwaqt li jidħol fl-ambjent tal-klassi, joffri lill-istudenti ħsieb frisk u mill-aktar krejattiv lill-istudenti preżenti.
  • Mumenti ta’ riflessjoni waqt iż-żmien qaddis tar-Randan.
  • Mumenti quddiem Ġesù Ewkaristija waqt il-lezzjonijiet tar-Reliġjonijiet.
  • Mumenti ta’ spazju sabiex wieħed jaħseb fuq il-ħajja l-imgħoddija u jersaq għas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u tant attivitajiet oħra.

Dan huwa s-sabiħ tas-suġġett tal-Edukazzjoni Reliġjuża, mgħallem ġewwa l-iskola tagħna… Suġġett li, bħal suġġett ieħor, tista’ tkejjel l-aspett akkademiku tiegħu, bil-marki finali, fl-aħħar tas-sena, iżda li qatt ma tista’ ‘tkejjel’ il-fond, il-għoli, l-wisa’ u t-tul tal-esperjenza spiritwali li, individwu jkun għadda minnha, fis-skiet tal-qalb tiegħu!