
Dalgħodu, id-19 ta’ Novembru 2024, fis-sala tal-iskola saret ċerimonja li fiha nkixfet vetrina bl-artefatti storiċi għall-użu tal-istudenti tal-iskejjel Medji. F’din il-vetrina, li se tinżamm fis-sular t’isfel tal-Blokk 3, se jkun hemm diversi riproduzzjonijiet ta’ affarijiet mill-Preistorja sal-Medjuevu. Dan sar biex l-istudenti, flimkien mal-għalliema tagħhom, ikunu jistgħu jaraw b’għajnejhom u jkollhom esperjenza diretta ta’ kif kienu jgħixu n-nies ta’ ċiviltajiet tal-imgħoddi.
Il-vetrina nkixfet mid-Direttur tal-Edukazzjoni, is-Sinjura Sandra Ebejer, fil-preżenza tal-Head of College Network is-Sur George Psaila, il-Kap tal-iskola s-Sur Adrian Grima u l-Uffiċjal Edukattiv tal-Istorja, is-Sur Raymond Spiteri. Għal din iċ-ċerimonja kien hemm fost il-mistednin assistenti diretturi, assistenti kapijiet tal-iskejjel, mistiedna mill-Universita’, uffiċjali minn Heritage Malta, li għenu f’dan il-proġett, uffiċjali edukattivi u kapijiet ta’ dipartimenti.
Is-Sur Jesmond Grech, kap tad-dipartiment tal-Istorja fl-iskola tagħna, għamel diskors fejn spjega l-importanza tat-tagħlim tal-istorja fil-kurrikulu, filwaqt li s-Sur Raymond Spiteri spjega kif jista’ jsir użu tajjeb mill-artefatti u l-worksheets li ġew magħmula b’mod kumplimentari għall-affarijiet li hemm fil-vetrina. Is-Sur Jonathan Muscat, kap tad-dipartment tal-Istorja, ħabbar eżerċizzju li sar dak il-ħin stess minn diversi studenti tas-7 u tat-8 Sena. Dawn ingħataw il-ħin biex jispjegaw it-tweġibiet tagħhom lill-udjenza. L-istudenti kienu taħt il-gwida tas-Sinjorina Graziella Busuttil u s-Sinjura Antoinette Agius.
Fi tmiem iċ-ċerimonja sar riċeviment li matulu tqassmu l-artefatti lid-diversi rappreżentanti tal-iskejjel medji li kienu mistiedna għal din l-okkażjoni għal dan il-għan.
Id-Dipartiment tal-Istorja

















































































